1. Il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-ġest u tal-lingwa
Il-libertà tal-ħsieb u tal-espressjoni huma pilastri fundamentali ta’ soċjetà tassew demokratika, fejn iċ-ċittadini jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jipparteċipaw b’mod effettiv fi kwistjonijiet ta’ rilevanza pubblika. Dawn il-libertajiet essenzjali jinfirxu u jsiru aktar konkreti f’oqsma differenti tas-soċjetà – il-libertà tal-media[i], il-libertà akkademika[ii], jew il-libertà tal-arti u x-xjenzi[iii]. Il-Parlament ta attenzjoni speċjali lilhom kollha permezz tal-pożizzjonijiet u l-konferenzi tiegħu[iv].
Fir-rigward tal-qasam tal-arti, il-Parlament jirrikonoxxi li: “Il-promozzjoni tad-diversità kulturali Ewropea u tal-għarfien tal-għeruq komuni hija bbażata fuq il-libertà tal-espressjoni artistika (…)”[v]. Għall-artisti, din il-libertà ilha aspirazzjoni li tippermetti l-ħolqien ta’ xogħlijiet oriġinali u ta’ valur.
Il-liberazzjoni tal-ġest tal-artist fuq wiċċ it-tila kienet waħda mix-xejriet astratti kostanti sa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Istati Uniti, kemm fl-arti informali kif ukoll fl-espressjoniżmu astratt. Ta’ sikwit, dawn il-movimenti tal-arti fittxew ispirazzjoni fil-linji fluwidi tal-kalligrafija Ċiniża u fl-istati meditattivi tal-Buddiżmu Zen.
Poets for Democracy
Poets for Democracy
Poets for Democracy
BURHAN DOĞANÇAY –
FELIX DROESE – Das Sichtbare des Unsichtbaren
ADOLF FROHNER –
LEANDER KAMPF & SAM ALEKKSANDRA –
Democratic Body
A. R. PENCK –
Tura Kultura
Tura Kultura
Tura Kultura
Tura Kultura
EMILIO VEDOVA –
Form of Freedom
Form of Freedom
PAT ANDREA –
GEORG BASELITZ –
JANNIS KOUNELLIS –
Homage to Calligraphy (1981), eżempju eċċellenti tax-xogħol pittoriku tal-artist Tork Burhan Doğançay (1929-2013) fl-aktar forma stilizzata u eleganti tiegħu, huwa parti mis-serje tiegħu “Ribbon”. Il-linji kapriċċużi u kkurvati jidhru daqslikieku nqalgħu minn posthom, imdendlin bħal żigarelli minn ma’ ħajt immaġinarju, f’eżempju notevoli ta’ trompe l’oeil li jfakkar il-kalligrafija Iżlamika.
Doğançay ikkultiva passjoni reali għall-istudju ta’ posters inkullati mal-ħitan f’żoni urbani ewlenin. F’nofs is-snin sebgħin, beda proġett estensiv ta’ rappurtaġġ fotografiku msejjaħ “Walls of the World”. Din il-biċċa xogħol tirrifletti x-xogħol tal-artist Franċiż Jacques Villeglé, pijunier tal-arti tat-triq fil-bidu tas-snin ħamsin ukreatur ta’ kollezzjoni eċċezzjonali ta’ arti ta’ décollage u posters imqattgħin. Dan jagħti valur estetiku lis-saffi ta’ posters u biċċiet tal-karti mwaħħlin mal-ħitan fit-triq jew fil-metrò fi bliet kbar.
Filwaqt li Doğançay jipproponi tqattigħ mistħajjel u kalligrafiku tat-tila, Felix Droese (imwieled fl-1950) minflok iġibna wiċċ imb’wiċċ ma’ tqattigħ u tfellil litterali tat-tila fix-xogħol tiegħu tal-1986 Das Sichtbare des Unsichtbaren (What is visible of the invisible). Dan it-titlu jindika kif il-mentalità u t-twemmin tagħna (l-inviżibbli) inevitabbilment jinfluwenzaw ir-realtà materjali tagħna (il-viżibbli).
Għal Felix Droese, l-arti u l-attiviżmu politiku jimxu id f’id, assoċjazzjoni li kienet ta’ sfida għalih matul il-karriera tiegħu. Fl-1970, huwa nkiteb fil-Kunstakademie Düsseldorf u studja taħt Joseph Beuys. Droese ilu attiv f’movimenti kontra l-gwerra, kontra l-imperjaliżmu u favur l-ambjent, u għamel ukoll is-servizz ċivili alternattiv tiegħu f’istituzzjoni psikjatrika. Dimostrazzjonijiet, priġunerija, kollaborazzjoni ġurnalistika u assoċjattiva, elezzjonijiet u diversi sforzi politiċi oħra sawru l-karriera ta’ Droese.
Il-ħolqien u l-kodifikazzjoni tal-lingwa awtonoma u personali proprja, aspirazzjoni ta’ ħafna artisti kontemporanji prominenti, hija wkoll karatteristika importanti tax-xogħol ta’ A. R. Penck (1939-2017). Imwieled Ralf Winkler fi Dresden, il-Ġermanja, huwa adotta l-laqam A.R. Penck fl-1968 għall-ġeologu Albrecht Penck.
Matul is-snin sittin, Penck żviluppa estetika tal-figuri ta’ xbihat rappreżentattivi (stick figures) u sinjali u simboli uniformi li jfakkru t-tpinġijiet preistoriċi. (…) L-estetika tiegħu kompliet tiżviluppa fil-bidu tas-snin sebgħin waqt li kien jgħix f’dik li dak iż-żmien kienet magħrufa bħala Berlin tal-Lvant, ir-Repubblika Demokratika Ġermaniża (GDR). Taħt gvern komunist oppressiv, Penck u sħabu kienu soġġetti għas-sorveljanza sigrieta tal-pulizija (Stasi) minħabba n-natura avangardista u l-kontenut politiku tax-xogħol tagħhom[vi].
Penck fassal tip ta’ kodiċi kriptiku u primittiv maħsub biex jevadi kwalunkwe tip ta’ ċensura jew kontroll. Huwa kien juża varjetà ta’ psewdonimi biex jiffirma xogħlu, u b’hekk għamilha aktar faċli li l-pitturi tiegħu jinħarġu mir-Repubblika Demokratika Ġermaniża. Fl-1980, mar jgħix fil-Ġermanja tal-Punent u għamel ħbieb ma’ pitturi neoespressjonisti bħal Markus Lüpertz u Jörg Immendorff[vii].
Emilio Vedova (1919-2006) – Bianco e nero (1964) –, wieħed mill-akbar esponenti tal-astrattiżmu fl-Italja tas-seklu 20, kien favur il-kunċett tal-arti bħala għodda rivoluzzjonarja u politika. Vedova ngħaqad mal-grupp antifaxxista Milaniż “Corrente” fl-1942 u ffirma ma’ oħrajn f’Milan il-manifest “Oltre Guernica” fl-1946. Il-grupp “Corrente”appoġġja lill-Guernica ta’ Picasso bħala s-simbolu u l-estetika li permezz tagħha jiġu miġġielda l-barbariżmu u t-tirannija[viii]. L-assoċjazzjoni ma kellha l-ebda programm fiss, iżda l-membri tagħha kienu impenjati biex jiddefendu l-arti “moderna” fi żmien meta l-kampanja Nażista kontra l-arti deġenerata kienet qed tinfirex lejn l-Italja. Il-pitturi ta’ Vedova mis-snin ħamsin u sittin irriflettew sensittività għall-iżviluppi politiċi kontemporanji, bħall-protesti rivoluzzjonarji madwar l-Ewropa fl-1968. Bianco e nero teżemplifika l-użu li għamel Vedova mill-astrazzjoni bħala mezz biex jikkomunika l-inklinazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet politiċi tiegħu[ix].
L-artivisti żgħażagħ ikkoordinati minn Elena Poljuha ħolqu sensiela ta’ erba’ pitturi akriliċi intitolati Tura Kultura (2024). Huma użaw approċċ dirett, kważi korporali, għall-pittura, billi ħadmu f’pożizzjoni kokka fuq tila mqiegħda orizzontalment fuq l-art tal-istudjo – metodu li jinvolvi interazzjoni partikolarment diretta u intima bejn l-artist u t-tila, simili għall-pittura ta’ azzjoni ta’ Jackson Pollock.
Ir-riżultat huwa immaġni vivaċi, vixxerali u spontanja, li tixbah l-istil aggressiv u nervuż tal-pittura ta’ Adolf Frohner (1934-2007).F’Odysseus auf der Suche (1997), Frohner irriduċa l-ġisem tal-bniedem għal siluwett imċajpar ta’ linji ħamranija skonnessi u għal marki frammentati u irregolari, bħallikieku ġisem imqatta’ biċċiet kien ġie ttimbrat fuq it-tila. Dawn il-linji ta’ barra skomdi, li jieħdu l-istampa kollha, jirriflettu l-qrubija ta’ Frohner għall-prestazzjonijiet aggressivi tal-attivisti Vjenniżi fis-snin sittin – estetika li għadha riflessa f’din il-pittura mill-aħħar tas-snin disgħin.
Il-pittur Daniż Claus Carstensen (imwieled fl-1957 kien familjari ma’ din il-lingwa espressjonista u pittorika, li mhux biss tikkonfronta l-aktar aspetti goffi u drammatiċi tar-realtà, iżda tagħtihom ukoll prominenza. El Arba (1989) huwaeżempju ċar tal-għarfien storiku u politiku qawwi ta’Carstensen. Permezz tal-użu tiegħu ta’ kuluri qawwija u tas-suġġetti ta’ spiss vjolenti u xejn pjaċevoli li huwa jiffavorixxi, l-artist jisfida apertament lill-ispettatur. Dan huwa evidenti fis-suġġett magħżul ta’ Souk El Arba – mitjar militari abbandunat tat-Tieni Gwerra Dinjija fit-Tuneżija[x].
Kif ikkummentaw kritiċi li ttrattaw il-ġabra ta’ xogħlijiet tiegħu:
Claus (Carstensen) mhuwiex pittur tad-dlam fi kwalunkwe sens klassiku: huwa jpinġi suġġetti li ħadd ma jrid li jintefa’ dawl fuqhom. (…) Xogħlu jittratta kwistjonijiet ta’ impatt qawwi u kontroversjali bħal-libertà tal-espressjoni, it-totalitarjaniżmu, l-intimità u l-għera. Kemm fis-suġġett kif ukoll fl-istil ninġibdu lejn l-interrogazzjoni kontinwa ta’ Claus Carstensen ta’ awtoritajiet li jeżerċitaw kontroll, sistemi assolutisti, kategoriji riġidi u ħsieb konvenzjonali[xi].
L-użu deliberatament aħrax u rudimentali tal-materjali minn Jannis Kounellis’ (1936-2017) huwa karatteristika li tiddefinixxi x-xogħol awtoreferenzjali tiegħu Composizione (1992). Biċċa xoqqa u frammenti tal-faħam parzjalment jgħattu ritratt tal-installazzjoni tiegħu tal-1969 fil-Gallerija Attico, Ruma, magħmula minn 12-il żiemel ħaj. Dan kien stadju importanti emblematiku fil-karriera ta’ wieħed mill-figuri ewlenin tal-Arte Povera.
In-natura provokattiva u eċċentrika tax-xogħol ta’ Kounellis tidher ukoll, għalkemm bl-użu ta’ riżorsi plastiċi differenti ħafna, fix-xogħlijiet figurattivi fuq il-karta ta’ Pat Andrea (imwieled fl-1942) – Black Magic (1981) – uta’ Georg Baselitz (imwieled fl-1938) – Man with ball– beach picture (1981). Bit-tpinġija fina u illustrata tiegħu, ix-xogħol ta’ Andrea jaqbad b’mod ċar xena bi sfond sfukat u ħolliem. Temi rikorrenti fil-karriera tal-artist jinkludu l-biża’, ix-xewqa, is-setgħa, il-krudeltà u l-erotiċiżmu. Baselitz, min-naħa l-oħra, juri waħda mill-figuri rashom l-isfel tipiċi tiegħu b’linji laxki u titjir taż-żebgħa. F’punt ta’ bidla radikali fl-1969, Baselitz iddeċieda li jpinġi u juri s-suġġetti tiegħu rashom l-isfel. Din il-pittura “ta’ taħt fuq” turi x-xewqa tiegħu li jsegwi b’mod strett it-triq tiegħu stess – indipendenza li kien diġà wera permezz tal-“Pandemonic Manifestos” (1961-62) li kien kiteb flimkien ma’ Eugen Schönebeck[xii].
Il-libertajiet tal-espressjoni u l-ħolqien li aħna nqisu normali u bażiċi fl-Ewropa llum – il-libertà tal-espressjoni fiżika u orali, il-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, u l-libertà tal-moviment ġeografiku – kollha jikkostitwixxu l-motifi ċentrali tax-xogħlijiet tal-artiviżmu miġbura f’din it-taqsima.
Democratic Body (2024), ta’ Leander Kampf u Sam Alekksandra, huwa spettaklu bil-vidjo li fih Kampf jiżfen filwaqt li Alekksandra taqra poeżija. Iż-żifna hija bbażata fuq parametri formali li għaddew minn konsultazzjoni demokratika. Permezz ta’ stħarriġ (online), il-parteċipanti ddeterminaw l-istruttura taż-żifna, abbażi ta’ ċerti kriterji u karatteristiċi (l-aktar partijiet użati tal-ġisem, ir-ritmu, id-direzzjoni, eċċ.).
Is-Slam tal-Poeżija fil-Ġnien taċ-Ċittadini (2024) laqqa’ flimkien diversi poeti Ewropej li qasmu xogħolhom, filwaqt li esprimew liberament il-ħsibijiet u l-impressjonijiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni attwali fl-UE.
L-installazzjoni immersiva ta’ Bozhana Slavkova, Form of Freedom (2024), kienet maħsuba bħala kristallizzazzjoni tal-libertà tal-moviment madwar l-UE. Hija metafora sottili u ħafifa dwar il-possibbiltà attwali li wieħed jiċċaqlaq liberament madwar il-kontinent –benefiċċju li ma kienx konċepibbli għal ħafna ġenerazzjonijiet Ewropej ta’ qabel.
[i]Il-Kummissjoni Ewropea, “L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media”, disponibbli fuq: https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/priorities-2019-2024/new-push-european-democracy/protecting-democracy/european-media-freedom-act_mt.
[ii]Il-Parlament Ewropew, “EP Academic Freedom Monitor 2023”, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document/EPRS_STU(2024)757798;
Il-Parlament Ewropew, “European Parliament Forum for Academic Freedom”, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/stoa/en/ep-academic-freedom.
[iii]Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 13 – Il-libertà tal-arti u x-xjenzi: “L-arti u r-riċerka xjentifika huma liberi. Il-libertà akkademika għandha tiġi rispettata.”
[iv] Ir-Regolament (UE) 2024/1083 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas komuni għas-servizzi tal-media fis-suq intern u li jemenda d-Direttiva 2010/13/UE (l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media), ĠU L, 2024/1083, 17.4.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32024R1083; Il-Parlament Ewropew, Konferenza dwar il-libertà tal-media u l-ġurnalisti taħt pressjoni, 10 ta’ April 2024.
[v] Ir-Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2019 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013, “Il-promozzjoni tad-diversità kulturali Ewropea u tal-għarfien tal-għeruq komuni hija bbażata fuq il-libertà tal-espressjoni artistika, il-kapaċità u l-kompetenzi tal-artisti u tal-operaturi kulturali, l-eżistenza ta’ setturi kulturali u kreattivi ta’ suċċess li jkunu reżiljenti fid-dominju pubbliku u privat u l-kapaċità tagħhom li joħolqu, jinnovaw u jipproduċu xogħlijiet tagħhom u jqassmuhom lil udjenza Ewropea kbira u diversifikata”, ĠU C 108, 26.3.2021, p. 934.
[vi] Blumberg, N. u Yalzadeh, I., ‘A.R. Penck’, Encyclopaedia Britannica, https://www.britannica.com/biography/A-R-Penck.
[vii] Dawn iż-żewġ pitturi huma wkoll inklużi fil-Kollezzjoni tal-Arti tal-Parlament Ewropew:
https://art-collection.europarl.europa.eu/mt/collections/lokomotiven-locomotives/ u https://art-collection.europarl.europa.eu/mt/collections/wahle-choose/.
[viii] Talvacchia, B. L., ‘Politics Considered as a Category of Culture: The Anti-Fascist Corrente Group’, Art History, Vol. 8, Nru 3, 1985, pp. 336-355.
[ix] Fondazione Emilio e Annabianca Vedova, “Emilio Vedova: una biografia per immagini”, disponibbli fuq: https://www.fondazionevedova.org/emilio-vedova-una-biografia-immagini.
[x] Dan ix-xogħol artistiku deher fil-wirja personali bit-titlu “Claus Carstensen: Maghreb Journal”, li saret fil-Galleri Specta (id-Danimarka) fl-1989. Għalkemm it-titlu li jidher fil-fajl tal-akkwist huwa “El Arba”, ix-xogħol għandu fil-fatt jiġi intitolat, skont dan il-katalgu, “Ej Jemaa”, żejt, 200 x 170 cm, 301288-150289.
[xi] Claus Carstensen, “What’s left (is republican paint) – Nine Sisters”, (Katalgu tal-wirja), ARoS Aarhus Kunstmuseum, 2015, “Flimkien mal-prattika artistika tiegħu, Claus Carstensen kien kuratur ta’ bosta wirjiet, li kollha huma bbażati fuq konnessjonijiet kunċettwali u formali li spiss jiġu injorati fl-istorja tal-arti. Dawn il-wirjiet ixejnu l-klassifikazzjonijiet u l-kategoriji artistiċi storiċi biex jistabbilixxu narrattivi alternattivi. Bħall-wirja “Becoming Animal”, huma jindirizzaw kwistjoni kunċettwali u filosofika, iżda jinkorporaw ukoll investigazzjoni formali u morfoloġika ta’ similaritajiet li jerġgħu jitfaċċaw f’perjodi, media u stili differenti” (traduzzjoni mill-oriġinali bl-Ingliż).
[xii] Berlinische Galerie, ‘Angry pamphlet: “Pandemonic Manifesto” ta’ Georg Baselitz u Eugen Schönebeck”, disponibbli fuq: https://berlinischegalerie.de/en/collection/specialised-fields/artists-archives/pandaemonisches-manifest/; Il-Librerija u l-Mużew Morgan, Baselitz kiteb (dawn il-manifesti) fl-1961 u fl-1962 mal-ħabib tiegħu Eugen Schönebeck biex jakkumpanjaw l-ewwel wirja tagħhom. B’referenza għas-sess, il-mewt u r-reliġjon, it-test jesprimi d-diżordni u l-konfużjoni ta’ wara l-gwerra fil-Ġermanja b’lingwa qawwija influwenzata mill-kitbiet ta’ Samuel Beckett, Antonin Artaud u Comte de Lautréamont. Baselitz aktar tard iddeskriva l-manifest bħala “xejn ħlief furja b’ideat pjuttost immaturi”. Waqt li jirriflettu d-deskrizzjonijiet tal-waħx u vjolenti tagħhom, it-tpinġijiet tiegħu minn dan il-perjodu juru figuri deformati u mases organiċi ta’ iġsma mibruma u bla forma (traduzzjoni mill-oriġinali bl-Ingliż), disponibbli fuq: https://www.themorgan.org/drawings/item/444549.