Skip to main content

Informazzjoni

Il-kollezzjoni tal-arti kontemporanja tal-Parlament Ewropew twieldet fl-1980 u kienet idea ta’ Simone Veil, il-President tal-ewwel Parlament Ewropew elett direttament. Konxja mill-qawwa kulturali u komunikattiva li għandha l-arti, xtaqet li l-kollezzjoni tirrifletti l-aqwa u l-aħjar tal-produzzjoni artistika żagħżugħa kontemporanja; stampa tal-mument attwali tal-wirt viżiv Ewropew.

Minn meta x-xrara li kebbset Veil għamlitha realtà, il-kollezzjoni kibret permezz ta’ sensiela ta’ akkwiżizzjonijiet li jirriflettu l-iżviluppi fl-UE tul żewġ sekli. Espansjonijiet suċċessivi, avvenimenti politiċi kbar, mumenti ta’ inċertezza, konferenzi tematiċi u inawgurazzjonijiet: huma lkoll rappreżentati u dokumentati. Minn xogħol artistiku għal ieħor, il-viżitaturi jaqbdu mumenti mill-istorja tal-Unjoni kif mifhuma u interpretati mill-komunitajiet kreattivi u ċ-ċittadini tagħha. Il-kollezzjoni tissimbolizza kważi nofs seklu ta’ kisbiet, kollaborazzjonijiet, aspirazzjonijiet u għaqda – mill-integrazzjoni tal-Istati Membri attwali għal valuri ewlenin bħal-libertà tal-espressjoni, id-dinjità tal-bniedem u l-urġenza ambjentali; għall-personalitajiet influwenti li sawru t-trajettorja tal-Unjoni u kkaratterizzaw l-evoluzzjoni tagħha.

Erbgħin sena minn meta nħolqot, il-kollezzjoni, li issa fiha ‘l fuq minn minn 500 opra tal-arti, hija fost l-aktar kollezzjonijiet kulturalment varjati tat-tip tagħha, u tinkludi kontribuzzjonijiet minn kull Stat Membru. Il-kuraturi tagħha kontinwament jistinkaw biex tkun espressjoni tal-motto Ewropew: “Magħquda fid-diversità”. Biċċiet mill-kollezzjoni qegħdin għall-wiri fit-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament Ewropew, inkluż fl-uffiċċji tal-President u tal-membri tal-Bureau, fis-swali protokollari u fi spazji pubbliċi. Xi wħud huma wkoll esibiti fl-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew. Flimkien, dawn iservu biex ta’ kuljum ifakkruna fil-vjaġġ li għamilna s’issa u f’dak li għad irid jinbena u jinħoloq.

Illum, il-Parlament Ewropew, b’lealtà lejn l-intenzjonijiet ta’ Veil, qed ikompli jżid u jikkura din il-kollezzjoni tal-arti kontemporanja bi qbil mal-prinċipji bażiċi tiegħu. Ifittex talent kemm żagħżugħ kif ukoll stabbilit mill-UE kollha, u b’hekk jikkomunika u jikkollabora ma’ ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ artisti li jaħtfu l-mument kreattiv u kuntestwali biex jesprimu ruħhom. Biċċa biċċa, deċennju b’deċennju, il-kollezzjoni tikkommemora l-istorja kif mgħajxa u kondiviża mill-aktar ismijiet prominenti tax-xena artistika tal-UE.