Skip to main content

2. L-etika u l-libertà politika, id-demokrazija u l-votazzjoni

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li “Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin”[i]. It-trasparenza u l-etika huma kwistjonijiet relatati mill-qrib mal-eżerċizzju tal-libertà politika u d-dritt tal-vot. Il-Parlament indirizzahom permezz ta’ diversi inizjattivi bħall-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri, ir-Reġistru tat-Trasparenza jew is-sit web tar-reġistru pubbliku tiegħu[ii].

Il-proposta tal-artivista Sára BányaiRethink with the Communitives of Malmö(l-1 ta’ Ġunju 2024) – tenfasizza b’mod divertenti l-ħtieġa li tittieħed azzjoni skont l-etika u s-sens ta’ responsabbiltà fl-eżerċizzju tal-libertà politika. Billi fasslet logħba tal-karti u manwal ta’ istruzzjoni korrispondenti, magħmula biex “jinħasbu mill-ġdid” il-ħajjiet tal-komunitajiet f’post speċifiku u reali fl-Iżvezja, Bányai tqajjem il-mistoqsijiet ta’ kif u għal liema finijiet għandha tintuża l-libertà tal-vot u l-parteċipazzjoni. Fl-ambitu tar-regoli u l-iżvilupp ta’ din il-logħba, it-terminu “komunittiv” jirreferi għas-sinerġiji bejn proġetti ffukati fuq il-komunità u komunitajiet li jissugraw jieħdu inizjattiva.

Fid-diptiku ta’ Berit Heggenhougen-JensenUntitled (1990) – il-pannu aħdar ta’ mejda tal-każinò jqajjem mistoqsijiet etiċi u morali dwar id-deċiżjonijiet meħuda matul logħba li tinvolvi l-moviment ta’ flus u ta’ riżorsi. Il-mejda nnifisha hija oġġett li rċieva attenzjoni privileġġata fix-xogħlijiet ta’ diversi artivisti magħżula (Bányai, Almeida). Rosina Lui tagħmel tip speċjali ta’ mejda ċ-ċentru tax-xogħol tagħha, Hygge (2024). Din il-mejda baxxa, lil hinn mis-sempliċi fiżikalità u utilità biex jittieħed l-kafè, tinkorpora valuri storiċi, soċjali u politiċi li Lui enfasizzat:

Hygge — li tidher għall-ewwel darba fil-kitba Daniża fis-seklu 19 — hija kelma universalment popolari li tindika burdata ta’ kuntentizza kennija u konvivjali. Mhijiex biss stat psikoloġiku individwali iżda wkoll esperjenza ta’ kuljum ta’ għaqda, sikurezza, ugwaljanza, fluss soċjali u sħuħija personali. Wara l-hygge hemm struttura politika b’saħħitha u sostenibbli li tappoġġja d-drittijiet u l-libertajiet ta’ parteċipazzjoni kulturali, soċjali u politika ta’ kull individwu. Din il-biċċa xogħol — funzjonalment mejda tal-kafè baxxa — taqbad l-essenza ta’ soċjetà miftuħa, demokratika u kooperattiva.

Minn anglu differenti mix-xogħlijiet imsemmija hawn fuq, ix-xogħol ta’ Yiannis Psychopedis (imwieled fl-1945) fi tmiemis-snin sittin jittratta fil-biċċa l-kbira l-abbuż ta’ poter li jkollu l-għan li jrażżan il-libertà taċ-ċittadini, xogħol li jirrifletti s-sitwazzjoni politika fil-Greċja f’dak iż-żmien[iii]. Lorca (1968), bit-ton dokumentarju niggieżi u aħrax tiegħu, juri gallerija ta’ karattri li hu preżunt li għandhom pożizzjonijiet għoljin fil-ġerarkija politika. Il-kruha tal-uċuħ hija aċċentwata f’xogħlijiet oħra ta’ Psychopedis mill-istess perjodu: ‘The Saviors’ (1968)[iv].

Il-pittura ta’ Psychopedis issegwi l-kodiċijiet viżivi adottati minn artisti u gruppi oħra ta’ dak iż-żmien, bħall-Equipo Crónica Spanjol u l-Equipo Realidad, kollettivi li għamlu użu estensiv minn immaġnijiet mislufa mill-gazzetti, iċ-ċinema u l-istorja tal-arti bħala mod kif jikkummentaw dwar ir-realtajiet soċjali u politiċi. Kif indikaw kritiċi u storiċi tal-arti:

Jannis Psychopedis, li l-ħidma tiegħu wara l-1964 laqqgħet aġenda politika ma’ estetika ta’ gazzetta sewda u bajda u l-kunċett ta’ test fotografiku, xi drabi jirreferi direttament għall-membri tal-eliti politiċi u soċjali. L-estetika fotografika kiesħa ppermettiet lil Psychopedis jirreġistra r-realtajiet koroh u ħorox ta’ dak iż-żmien b’mod oġġettiv u mingħajr emozzjoni[v].

Id-diptiku fotografiku ta’ Paul Graham (imwieled fl-1956) Untitled, il-Ġermanja (Swarm of Flies/Hole in Ground) (1990), tikkuntrasta ritratt mill-qrib ta’ toqba fil-ħamrija ma’ ritratt ta’ żegħda dubbien miġbud minn taħt. Skont il-kritiku li kkummenta fuq dan ix-xogħol għall-katalgu ta’ akkwisti mir-Renju Unit fl-1992, l-immaġni doppja sservi bħala xhieda viżiva tat-traċċa materjali li l-Ħajt ta’ Berlin, bħala għodda ta’ repressjoni u separazzjoni bejn persuni alleati, ħalla fuq il-pajżaġġ urban:

Fid-diptiku fotografiku ta’ Paul Graham, l-artist iffoka l-kamera tiegħu fuq l-art fejn darba kien hemm il-ħajt ta’ Berlin, b’rikapitulazzjoni ħafifa ta’ avvenimenti storiċi reċenti. Fil-pannell tal-lemin, l-ispettatur jintefa’ fit-toqba residwa ta’ konfini politika, filwaqt li fuq ix-xellug il-ħarsa tal-ispettatur titla’ ‘l fuq lejn is-sema biex tixhed dubbien jgħarwel, u hekk kif il-Valkyries f’minjatura jitbiegħdu, sinjal bassari inkwetanti ta’ inkwiet politiku jitlajja’ fl-arja[vi].

Il-pittura ta’ Psychopedis imsemmija hawn fuq tista’ titqiegħed ħdejn xogħol artistiku ieħor li juri diversi ritratti b’mod differenti ħafna – Changemakers (2024), tal-fotografa u artivista Bulgara Iliyana Grigorova. Il-protagonisti ta’ dan ir-ritratt kalejdoskopiku kollettiv huma n-nies – attivisti u artivisti – li Grigorova ltaqgħet magħhom waqt li kienet qed tipparteċipa fil-proġett “Pop the vote!” imsemmi fl-introduzzjoni.

Permezz tal-użu tagħha taċ-ċijanotip, waħda mit-tekniki fotografiċi primittivi tas-seklu 19, bil-blu monokromatiku karatteristiku tagħha, Grigorova tiddikjara l-ammirazzjoni sinċiera tagħha għal dawn in-nies. L-użu ta’ teknika li llum titqies rari jidher li huwa maħsub biex jenfasizza l-entużjażmu, il-kuraġġ u d-dinamiżmu ta’ kull individwu. Dawn huma kwalitajiet li nistgħu napprezzaw ukoll fix-xogħlijiet ta’ Ulysse Vassas Disco Voting Booth, (2024) u Fjorida Cenaj (Team Cultterra) ARKoPOLL: the party! (2024). L-idea ewlenija wara dawn ix-xogħlijiet hija li nesperjenzaw u nikkondividu d-demokrazija bħala ċelebrazzjoni miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ kulħadd.


[i] It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Titolu II, Artikolu 10.

[ii] Il-Parlament Ewropew, “Trasparenza u etika”, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/at-your-service/mt/transparency.

[iii] Il-Ministeru Elleniku għall-Kultura, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti Kontemporanja, “Is-snin ta’ sfida: l-arti tas-snin sebgħin fil-Greċja”, “Il-Greċja għaddiet minn (…) perjodu ta’ kriżi politika u diżordni, b’sensiela ta’ gvernijiet b’ħajja qasira wara l-kriżi kostituzzjonali ta’ Lulju 1965. Il-kolp ta’ stat tal-21 ta’ April 1967 impona dittatorjat li dam seba’ snin u ntemm bl-invażjoni Torka ta’ Ċipru u l-okkupazzjoni ta’ parti kbira tal-gżira.” (traduzzjoni mill-oriġinali bl-Ingliż); “(…) l-impatt tal-avvenimenti kontemporanji fix-xena dinjija ma setax jonqos milli jissensibilizza l-artisti Griegi. L-arti saret intensament politiċizzata madwar id-dinja matul dan il-perjodu, u l-avvenimenti fil-Greċja taw lill-artisti għana ta’ materja prima eżistenzjali għal xogħolhom, filwaqt li saħħew ix-xewqa tagħhom li jintervjenu b’mod kritiku; xewqa li nibtet mill-esperjenzi tagħhom tal-ħajja, minn ħtieġa profonda u minn spirtu ta’ żmien li ispira t-taqbida għall-ideat. (…)” (traduzzjoni mill-oriġinali bl-Ingliż), Diċembru 2005-Mejju 2006.

[iv]“The Saviors” (1968) huwa riprodott fl-artiklu li ġej f’ART – NEA,3 ta’ Ottubru 2023:

“Il-wirja retrospettiva kbira ‘Yiannis Psychopaidis. L-arti bħala xhieda tal-ġlied. Xogħlijiet tas-snin sittin u sebgħin u l-konsegwenzi tagħhom’, li tiftaħ għada (2023) fil-Gallerija Muniċipali tal-Arti ta’ Korfù Ċentrali u tal-Gżejjer Djaponti, tiffoka fuq il-produzzjoni artistika tas-snin sittin u sebgħin.” (traduzzjoni mill-oriġinali bl-Ingliż); https://www.efsyn.gr/tehnes/art-nea/406500_pneyma-shima-kai-hroma-mias-oramatikis-aristeras

Dwar proġetti reċenti oħra dwar l-artist: “The artistic spring of Giannis Psychopaidis”, 14 ta’ April 2024:

“Bi tnejn mill-wirjiet tiegħu fil-Ġermanja u fl-Ingilterra f’April u mbagħad f’Ġunju fil-Greċja, Yiannis Psychopaidis jinfirex artistikament permezz ta’ xogħlu fiż-żona Ewropea usa’ (…) Psychopedis kien wieħed minn dawk li, waqt li għex bejn Munich, Berlin u Brussell, ħallew l-impronta artistika tagħhom u preżenza sinifikanti u dejjiema fit-teatri, mużewijiet tal-arti, galleriji u istituzzjonijiet” (traduzzjoni mill-oriġinali bl-Ingliż); https://www.efsyn.gr/nisides/429467_i-kallitehniki-anoixi-toy-gianni-psyhopaidi

Nirringrazzjaw lil TWOFOURTWO għall-għajnuna tagħhom biex tinstab informazzjoni addizzjonali dwar il-kuntest politiku-storiku tal-pittura ta’ Psychopedis fil-kollezzjoni tal-Parlament.

[v] Il-Ministeru Elleniku għall-Kultura, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti Kontemporanja, “Is-snin ta’ sfida: l-arti tas-snin sebgħin fil-Greċja”, Diċembru 2005-Mejju 2006.

[vi] Tnax-il stilla – xogħlijiet magħżula mill-Kollezzjoni tal-Arti tal-Parlament Ewropew li jinkludu akkwisti Brittaniċi ġodda” (traduzzjoni mill-oriġinali bl-Ingliż), 1992; Katalgu tal-wirja li saret f’Belfast, f’Edinburgh u f’Londra bejn Ottubru 1992 u Jannar 1993.

Rokna tal-Għalliema

1 – 2 – 34
Home