Skip to main content

3. Il-migrazzjoni: integrazzjoni u identità Ewropea

L-akkoljenza tal-migranti u l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà għandhom ikunu mmexxija mill-valuri tas-solidarjetà, l-ugwaljanza u l-ġustizzja. Dan huwa l-objettiv tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għall-2021-2027 dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni, ippubblikat f’Novembru 2020.

Il-pjan ta’ azzjoni għandu l-għan li jippromwovi l-inklużjoni għal kulħadd, filwaqt li jirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-migranti għall-UE u jindirizza l-ostakli li jistgħu jfixklu l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni ta’ persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, minn dawk li għadhom kif waslu saċ-ċittadini, fis-soċjetà Ewropea[i].

Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar rotot ġodda għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema tinnota “li d-direttivi eżistenti kellhom biss impatt limitat fuq il-prevenzjoni tal-isfruttament tal-ħaddiema, u li l-ħaddiema migranti għadhom qed jesperjenzaw trattament inugwali u sfruttament tal-ħaddiema” u “jistieden lill-Unjoni tieħu azzjoni kkoordinata biex tindirizza tali trattament inugwali u sfruttament”[ii].

Il-kwistjonijiet tal-mobbiltà u l-integrazzjoni jinsabu fuq quddiem nett tal-produzzjoni fotografika u vidjo tal-artista u produttriċi tal-films Bulgara Borjana Ventzislavova. Ventzislavova, ibbażata bejn Vjenna u Sofija,taħdem f’dixxiplini differenti tal-films u l-vidjo, l-installazzjoni, il-fotografija, u l-arti tal-ispettaklu u tal-media. Migration Standards (2011) tittratta t-talbiet tal-migranti għal bidla fil-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni. Il-protagonisti jinsabu fi sfond li jinkludi l-attrazzjonijiet ewlenin ta’ Vjenna, inklużi l-bini tal-kunsill muniċipali, il-Hofburg u l-Palazzi ta’ Belvedere u Schönbrunn[iii].

Kif enfasizza l-artist:

Il-fotografija tat-triq jew sempliċi dokumentazzjoni hija xi ħaġa li dejjem eskludejt. F’dan il-każ għalija hemm l-istejjer li huma marbuta ma’ dawn in-nies, u barra minn hekk il-kundizzjonijiet strutturali u l-konvenzjonijiet tas-soċjetà tagħna, għalhekk ix-xogħlijiet tiegħi għandhom approċċ dokumentarju, iżda huma dejjem drammatizzati u mqiegħda f’ambjent partikolari[iv].

Il-problemi u l-opportunitajiet assoċjati mal-qsim tal-fruntieri ġew enfasizzati minn Bruno de Almeida fi Crossing Bodies, Crossing Boundaries (Qsim ta’ Iġsma, Qsim ta’ Konfini) (2024), li tinvolvi grupp ta’ nies f’workshop tat-tpinġija. Wara din l-esperjenza, Almeida rrimarka li:

Parteċipanti minn kulturi u pajjiżi differenti, li kienu residenti fil-belt ta’ Porto, użaw il-karta biex joħolqu relazzjonijiet u negozjati ma’ xulxin, u b’hekk jirriflettu u jċajpru l-ideat tal-konfini bejn l-individwali u l-kollettiv. Dan il-proċess kreattiv stimula l-ħsieb kritiku, fejn il-parteċipanti osservaw kif prattika artistika tista’ tappoġġja d-demokrazija billi tenfasizza dik il-koeżistenza fi spazji plurali.

Proġett kollettiv, li sar taħt is-superviżjoni ta’ Rachel Rouzaud u f’kundizzjonijiet simili għal dawk deskritti fil-proġett ta’ Almeida, issarraf f’erba’ riinterpretazzjonijiet differenti tal-bandiera tal-UE: Variations on E.U. flag n°1-4 (Varjazzjonijiet fuq il-bandiera tal-UE Nru 1-4), (2024). Gosti komparabbli għal-logħob b’simboli u kuluri assoċjati mal-kunċett tal-identità Ewropea jidhru f’Europa ta’ Paolo Della Bella(1998).L-arti ta’ Della Bella, ikkaratterizzata mill-ħeffa u l-allegrija tagħha, għandha l-għeruq tagħha fit-tradizzjoni tal-illustrazzjoni tal-komiks, qasam u prattika li tawh l-ewwel fama. Din l-imħabba għall-illustrazzjoni u l-komiċità titwaħħad max-xogħlijiet aktar artistiċi tiegħu, bħal Europa. Il-biċċa xogħol orizzontali kbira tinkludi 39 illustrazzjoni lineari mpinġija bl-idejn flimkien ma’ 12-il stilla kkulurita. Id-divertiment ta’ din il-biċċa xogħol jinsab f’li wieħed jipprova jiddeċifra s-simboliżmu kulturali ta’ kull tpinġija, u jorbotha ma’ wieħed mill-pajjiżi tal-UE.

Mani(nuestro), Our Common Manifesto (Mani(nuestro), Il-Manifest Komuni Tagħna) ta’ Sofía Moreno (2024) isegwi tradizzjoni twila ta’ manifesti, dikjarazzjonijiet bil-miktub u pubbliċi ta’ duttrini, programmi jew objettivi, li ta’ sikwit naraw kemm fil-politika kif ukoll fl-arti avangardista kontemporanja. F’dan il-każ, il-manifest għandu karattru tassew kollettiv peress li jiġbor bosta testimonjanzi min-nies fir-reġjun ta’ La Rioja, Spanja, inklużi impressjonijiet qosra u ħsibijiet spontanji relatati mas-sentiment tal-appartenenza għal soċjetà u territorju demokratiċi, kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak Ewropew. Id-difiża tad-demokrazija fl-Ewropa bħala responsabbiltà kollettiva hija pproklamata f’inizjattiva ta’ profil għoli promossa mill-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew fi Vjenna, f’kollaborazzjoni ma’ artisti lokali u l-belt. Din tinkludi pittura kbira fuq ħajt li tinkludi s-slogan elettorali, li se tibqa’ hemm b’mod indefinit, li tfakkar lil min ikun għaddej fl-islogan “flimkien għad-demokrazija” potenzjalment għal ħafna snin.


[i] Il-Parlament Ewropew, “Il-Ferrovija Leġiżlattiva 06.2024, 5: Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna – Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni”, disponibbli fuq: https://www.europarl.europa.eu/legislative-train/carriage/action-plan-on-integration-and-inclusion/report?sid=8201.

[ii] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar rotot ġodda għall-migrazzjoni legali tal-ħaddiema, ĠU C 15, 12.1.2022, p. 196, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:52021IP0260.

[iii] Steffen Siegel, “Counter-Images”, 5X5 PHOTO TRACKS, stampar speċjali fl-okkażjoni tal-25 sena ta’ EIKON.

[iv]Aigner, S., ‘Borjana Ventzislavova’, EIKON International Magazine for Photography and Media Art, Nru 80, 2012, pp. 24-29.

Rokna tal-Għalliema

12 – 3 – 4
Home