BOZHANA SLAVKOVA
Form of Freedom
09.05.2024 – 09.06.2024
Ritratti tal-installazzjoni ta’ arti immersiva
Wajer tas-sajd, wajer tal-metall, ċirku tal-metall, irbit tal-kejbils, karta, tejp, injam, metall, plastik, gomom, tessuti.
“‘Form of Freedom’ hija installazzjoni ta’ arti immersiva – ġabra ta’ oġġetti 3D sospiżi minn ħbula trasparenti mdendlin fl-arja, imwaħħlin ma’ qafas tal-metall. L-oġġetti, inklużi l-erbarji, il-mapep u serratura tar-roti, inġabru matul il-bosta vjaġġi tiegħi fi 17-il pajjiż Ewropew.
Jien mill-ewwel ġenerazzjoni Bulgara li setgħet tivvjaġġa liberament tul ħajjitha kollha – għall-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, il-libertà ta’ moviment kienet ristretta matul ir-reġim komunista. Permezz ta’ din l-installazzjoni rrid noħloq riflessjoni dwar is-suġġett tal-libertà, speċjalment il-libertà tal-għażla, tal-moviment u tal-espressjoni, u nistaqsi l-mistoqsijiet ‘Min jagħtina dawn il-libertajiet? Jistgħu jittieħdu lura minna? Kif nipproteġuhom?’
L-għan ewlieni ta’ ‘Form of Freedom’ huwa li ninvolvi lill-udjenza, biex nagħmilhom parti mill-ħolqien – dan isir b’żewġ modi: sensittività – l-udjenza tista’ timxi fost l-oġġetti, tarahom minn perspettivi differenti, tmisshom u xxommhom; parteċipazzjoni diretta — in-nies li ġew għall-ftuħ tal-installazzjoni tal-arti ġew mistiedna jġibu l-oġġetti tagħhom stess sabiex l-arti ssir kreazzjoni kollettiva u reċipjent ta’ memorji.” (traduzzjoni mill-oriġinali bl-Ingliż)