Il-linja ta' żvilupp ta' John Goudie Lynch tirrappreżenta r-rikkezza kulturali tal-proġett Ewropew. Huwa studja fi Glasgow, fl-Iskola tal-Arti ta' Glasgow (1964–1968) imbagħad għallem l-arti fl-Iskola Internazzjonali f'Amsterdam qabel ma mar fi Franza biex jgħix hemm u joħloq l-arti. Mal-ewwel daqqa t'għajn, ix-xogħol ta' Lynche jista' jkun ikkaratterizzat bħala pittura f'forma ta' ritratti simpliċistikament deskrittiva ta' figuri u żminijiet kontemporanji. Madankollu, wara spezzjoni aktar mill-qrib, wieħed jinnota l-qagħdiet kemxejn mgħawġa, il-proporzjonijiet żbilanċjati, l-espressjonijiet qawwija u xi kultant strambi tal-karattri u s-sitwazzjonijiet reali fejn isibu ruħhom. Xi wħud minnhom saħansitra jiltaqgħu mal-ħarsa ta' min jara l-opra, billi jkissru r-raba' ħajt illużjonarju tal-pittura u jinteraġixxu ma' min jara x-xogħol artistiku li issa huwa involut. Għalhekk huwa sorprendenti li, fil-Kollezzjoni, approċċ mhux konvenzjonali bħal dan jipprovdi r-rappreżentazzjoni ta' xeni mill-ħajja u l-proċedimenti Parlamentari. Hémicycle Strasbourg – id-donazzjoni tal-artist lill-Kollezzjoni tal-Arti Kontemporanja tal-Parlament Ewropew – hija l-aktar waħda konvenzjonali mit-tliet pitturi tiegħu. Ix-xena taqbad l-għadd kbir ta' mikroavvenimenti simultanji (kummenti mfesfsa, titwib miżmum, mumenti fejn wieħed jintilef jaħseb, qari ta' dokumenti bir-reqqa u ħafna iżjed) li jinvolvu s-sessjonijiet fl-Emiċiklu. Framment li juri fil-qosor Istituzzjoni sħiħa.