RACHEL ROUZAUD
Variations on E.U. flag n°1-4, 2024
Il-bandiera tal-U.E. (poliester), diversi tessuti u ħjut.
90 x 150 cm (il-bandiera 1 u 3)
300 x 150 cm (il-bandiera 2)
300 x 200 cm (biċċtejn ta’ 300 x 100 cm)
Prodotti bħala parti mill-proġett Pop the Vote. Il-proġett beda matul il-kamp Pop the Vote, fil-Belġju, u fforma parti minn kull avveniment marbut miegħu.
L-għan tal-proġett huwa li jirrifletti fuq is-simboliżmu tal-komunità tal-UE bl-użu tal-bandiera tal-UE. Il-parteċipanti ġew mistiedna jħallu parti minn ħwejjiġhom jew kwalunkwe ħaġa oħra li setgħet tinħiet mal-bandiera. Il-kontribuzzjonijiet kienu varjati: lazzijiet, ħjut, biċċiet ta’ xalpi, boroż tax-xiri, tikketti, biljetti tal-ajru, eċċ.
L-għan kien li jintwerew viżwalment ir-rabtiet bejn ħafna nies involuti fl-Unjoni Ewropea li qatt ma kienu ltaqgħu qabel. Jekk il-parteċipanti kienu jixtiequ, setgħu jindikaw minn fejn ġejjin, u fl-aħħar inħolqot mappa tal-postijiet li jgħaqqdu lil dawn in-nies flimkien. Ipparteċipaw madwar mitt persuna fit-tiswir ta’ din l-opra artistika.
Il-bandiera Nru. 2 ġiet prodotta fis-Cité des électriciens fi Bruay-La-Buissière, waqt il-festival tagħhom “Vacances à Gardincour”.
Il-bnadar Nru. 3 u 4 ġew prodotti, anke bħala opri artistiċi parteċipattivi, ġewwa Forlì waqt il-EYE 2024 (Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ), li sar fl-Università ta’ Bologna ġewwa Forlì. L-opri tal-arti huma parti mill-kampanja #paintEU ta’ One hour for Europe – Italia, li tippromwovi l-valuri tal-UE permezz ta’ xogħlijiet artistiċi.
Bandiera Nru 3: Il-parteċipanti ġew mistiedna jaħdmu b’żewġ settijiet ta’ bnadar tal-Istati Membri tal-UE u l-bandiera tal-UE. L-eżitu huwa bandiera rikostitwita li tista’ tidher bħal bandiera LGBTQIA+ jew il-proposta għall-bandiera bil-barcode tal-OMA, fejn mal-bnadar tal-pajjiżi membri żdiedu xi biċċiet tad-drapp ikkuluriti. Fuq in-naħa l-oħra, xorta nistgħu naraw il-bandiera tal-UE.
Bandiera Nru 4: Matul l-avveniment, il-parteċipanti ġew mistiedna jistaqsu kif tidher il-bandiera tal-UE llum, jiddiskutu l-elezzjonijiet li jmiss, u xi tfisser l-Unjoni Ewropea għalihom. Il-parteċipanti kienu involuti biex iħitu simbolu fuq kanvas blu li jixbah il-kulur tal-bandiera tal-UE bħala proposta ta’ interpretazzjoni mill-ġdid tal-bandiera Ewropea. L-azzjoni tal-ħjata intgħażlet bħala mezz aċċessibbli għall-maġġoranza tal-parteċipanti (tfal, adulti, …). Il-qafas kien twil 6 m u n-nies kellhom ikunu mqassma fi gruppi ta’ tnejn (ħdejn xulxin) sabiex iħitu s-simbolu tagħhom mal-bandiera.