Skip to main content

Nadar

Nadar © SABAM Belgium 2018

l-Italja, 1983

Lapes u akkwarell fuq karta, 56 x 42 cm

iffirmat u ddatat (isfel, fuq il-lemin)


Fabrizio Clerici, li nistgħu nqisuh artist li jħobb id-dettall, injetta l-arti tiegħu bil-profiċjenza u l-interessi professjonali li jħaddan. Huwa ggradwa fl-arkitettura fl-1937. Clerici, disinjatur tekniku b'ħila liema bħala, qatt ma tilef mill-preċiżjoni u l-eżatezza tiegħu, anzi pjuttost bil-kontra. Ix-xogħol artistiku tiegħu, li huwa influwenzat u ispirat mill-aqwa artisti kbar u monumenti tal-perjodi tar-Rinaxximent u tal-barokk, il-ħin kollu jagħti ġieħ lil dawn il-perjodi grandjużi, kemm mill-aspett tematiku kif ukoll stilistiku. It-tendenzi arkitettoniċi tiegħu jwasslu lill-artist biex jidħol fid-dinja tat-teatru bħala xenografu (1947). Clerici brilla f'din ix-xena, bil-ħidma tiegħu testendi għat-teatru, l-opra u l-ballet. Il-faxxinu tiegħu għar-Rinaxximent forsi jispjega s-suġġett tal-kontribut ta' Clerici għall-Kollezzjoni tal-Arti Kontemporanja tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt, Nadar, kif jindika t-titlu, turi lil Félix Nadar (magħruf ukoll bħala Gaspard-Félix Tournachon; 1820–1910). Nadar kien fotografu, karikaturist, ġurnalista, rumanzier, -pilota tal-blalen tal-arja u inventur tal-barrieri għall-kontroll tal-folla "nadar" . F'kull qasam li ta l-kontribut tiegħu, Nadar brilla u mar oltre l-possibbiltajiet ta' dak iż-żmien. F'dan is-sens, huwa għandu dak kollu li jfittex Clerici f'"individwu rinaxximentali" tal-era moderna. Ix-xogħol artistiku ta' Clerici jesprimi din il-versatilità, b'Nadar muri tliet darbiet f'diversi pożi u attitudnijiet.