Skip to main content

1. L-Unjoni Ewropea. Il-proġett ta’ kostruzzjoni Ewropea. Id-demokrazija u r-regoli tagħha

Nibdew dan il-vjaġġ artistiku madwar id-demokrazija b’sett ta’ xogħlijiet li jimmaterjalizzaw viżjonijiet pożittivi u eċitanti dwar it-twettiq tal-proġett Ewropew.

Fi tmiem is-snin 80, Françoise Schein ipproduċiet sensiela ta’ pannelli li jixbhu lill-kontorni ta’ għoljiet u widien, li r-referenzi formali tagħhom jistgħu jinstabu fil-pjanijiet għal żvilupp urban ta’ bliet kbar moderni jew f’mapep ta’ rotot infrastrutturali u ta’ komunikazzjoni (linji tal-metro u tal-ferrovija, toroq ewlenin, passaġġi bl-ajru). Ix-xogħol tagħha Ideoglyphe Européen (1988) ) jikkonsisti f’disinn labirintiku ta’ rotot u direzzjonijiet kontra xulxin, imrikkbin fuq wiċċ tal-metall li tħalla jissaddad apposta; network ta’ toroq iserrpu li fihom jidhru jnemnmu bozoz elettriċi żgħar impoġġijin fejn huma l-bliet kapitali tal-UE fuq mappa tal-kontinent. Dan l-arranġament huwa komplut b’ringiela ta’ arloġġi żgħar li jindikaw iż-żoni tal-ħin, li skont l-intenzjoni ta’ Schein, għandhom jiġu kollha ssettjati kif xieraq bħala sinjal ta’ fehim u qbil bejn il-pajjiżi: “mettre des montres à l’heure = signe de l’entente, accord”.

Fl-1997, meta nxtara dan ix-xogħol artistiku u ġie ppreżentat fil-Parlament Ewropew, Schein iddefinixxiet dan il-pannell bil-kontorni ta’ għoljiet u widien bħala “xogħol astratt li fil-fatt jindirizza l-kwistjoni tal-kostruzzjoni Ewropea. Dan ix-xogħol, li jiddeskrivi l-fruntieri ta’ kontinent f’moviment u dinamiku ferm, ġie kkonċepit sentejn qabel il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. Din l-iskultura, li hija premonitorja ta’ avveniment li kellu jheżżeż l-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija, għamiltha wara li għext fi New York għal għaxar snin, li kien perjodu ta’ assenza u tbegħid li bla dubju ppermettieli nifhem, grazzi għall-fatt li stajt inħares minn ċertu distanza, il-koeżjoni li teżisti bejn il-pajjiżi kollha tal-Ewropa, koeżjoni maħluqa minn poplu wieħed: l-Ewropej

Schein iddeskriviet ukoll lil Ideoglyphe bħala l-ewwel wieħed minn sensiela twila ta’ xogħlijiet f’format kbir li bdiet taħdem fuqhom fl-1989. Il-proġett internazzjonali dwar arti urbana tagħha, żviluppat f’diversi stazzjonijiet tal-metro fi bliet kapitali Ewropej, ukoll kien isegwi ħsieb fundamentali: in-network, bil-għan li tesprimi r-relazzjoni mill-qrib bejn l-għarfien u d-demokrazija.

Oġġett emblematiku ieħor li jindirizza l-funzjoni ewlenija tal-Parlament Ewropew bħala l-mutur tad-demokrazija parlamentari fil-kontinent huwa European Parliament (1979). L-awtur tiegħu, John Vassar House, iddisinja oġġett li jixbah boxxla kbira, astrolabe jew strument xjentifiku ta’ navigazzjoni, li b’mod simboliku jirrappreżenta mument speċifiku fl-istorja tal-proġett Ewropew, fl-1979:

“Ix-xogħol European Parliament huwa tifkira tal-elezzjonijiet tal-1979 u jirrappreżenta mument meta diversi pajjiżi Ewropej kienu waslu biex jissieħbu fl-Unjoni. Il-pajjiżi eżistenti huma parti miċ-ċirku bil-forma distintiva tagħhom ta’ feles biex jiffurmaw ċirku magħqud: Il-membri l-ġodda huma lesti li jissieħbu bħala parti minn qawwa ċentrifugali”.

Barra minn hekk, il-morfoloġija tal-iskultura kienet tinkludi referenza sinifikanti għat-tqassim tas-setgħat fi ħdan il-Komunità Ewropea:“Iċ-ċirku żgħir laminat li jdur mal-fus ta’ 3 pinnijiet tiegħu – li jirrappreżentaw lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ġudikatura – jirrappreżenta l-mekkaniżmu ta’ funzjonijiet mhux leġiżlattivi”.

Dawn il-prinċipji nebbieħa ġew tradotti f’mekkaniżmu ta’ rotazzjoni faxxinanti, boxxla jew arloġġ immaġinarju li, ippożizzjonat f’inklinazzjoni dinamika fuq il-fus tiegħu, jimmarka l-movimenti ta’ azzjoni kkoordinata bejn il-pajjiżi li kienu jiffurmaw l-Unjoni Ewropea fl-1979 u dawk li kienu qed jistennew biex jissieħbu ftit wara.

Billi kien iddisinja din l-iskultura bħala “tfakkira viżiva tal-mument immensament storiku meta seħħet l-ewwel votazzjoni universali għall-Parlament Ewropew”, ”, Vassar ta aktar indikazzjonijiet dwar it-tisfira tagħha: “L-elementi taċ-ċirku li għandhom forma ta’ feles huma d-9 pajjiżi membri, kull wieħed b’daqs li jirrifletti s-saħħa tiegħu fil-votazzjoni. L-uċuħ ta’ barra tagħhom jesprimu l-individwalità tal-pajjiżi, filwaqt li l-wiċċ ta’ ġewwa taċ-ċirku jirrappreżenta l-fużjoni tagħhom f’unità waħda: il-Parlament Ewropew. Tliet movimenti kontra l-arloġġ fuq iċ-ċirku ta’ ġewwa rispettivament b’lura Franza – Ġermanja, Benelux – Italja u Danimarka – Gran Brittanja – Irlanda bħala kronoloġija ta’ kooperazzjoni Ewropea riċenti. Il-Greċja ħadet il-qagħda lesta biex tidħol fiċ-ċirku. Il-bażi, li tissimbolizza lill-elettorat, hija magħmula minn fluss ta’ diversi kurrenti politiċi li fuqhom isserraħ l-istruttura Parlamentari kollha kemm hi. Dawn il-kurrenti jilħqu l-qofol tagħhom bħala forza kinetika, li tagħti impuls lill-attivitajiet tal-Parlament”.

Il-kamra fejn kienet tirrisjedi s-setgħa leġiżlattiva tal-Komunità Ewropea kienet rappreżentata f’Hémicycle Strasbourg (1987), li turi aspett tal-emiċiklu waqt sessjoni sħiħa ppreseduta minn P. Daenkert fl-1987, aktarx meħuda minn ritratt ta’ dak il-perjodu u interpretata b’mod pittoriku minn John Goudie Lynch bi preċiżjoni dokumentarja u b’teknika pulita.

Qrib l-emiċiklu l-ieħor kbir tal-Parlament Ewropew, fi Brussell, hemm il-monument Confluences (1989), tal-iskultur Belġjan Olivier Strebelle, , li jisfida l-gravità f’dan ix-xogħol artistiku, li huwa fost l-aktar xogħlijiet teknikament kuraġġużi tiegħu. Dan l-artist rama’ siġra tal-azzar, zokk ċilindriku b’saħħtu li jogħla mill-art u joħroġ ħafna friegħi fil-forma ta’ tubi f’qatgħat li jiltaqgħu, jinfirxu u jitbandlu fl-atriju tal-Binja Spaak. Hija struttura ħielsa u organika li tissimbolizza, kif jgħid it-titolu tagħha, sfera ta’ konfluwenzi u laqgħat, ta’ fraternità u fehim tajjeb li għandhom ifittxu n-nazzjonijiet Ewropej sabiex iżommu fl-iskambji u fl-intrapriżi komuni tagħhom.

1234567

Home