Skip to main content

4. Ir-riskji u l-perikli għad-demokrazija

Il-polarizzazzjoni tal-kunflitti u tan-nuqqas ta’ qbil bejn komunitajiet differenti, il-biża’ minn sorveljanza u kontroll futuri u eċċessivi tal-individwi, huma temi u tħassib riflessi f’sensiela ta’ xogħlijiet li jirriflettu stati ta’ kriżi u skumdità, u li jġiegħluna nieħdu pożizzjoni konxja vis-à-vis ir-realtajiet li jinterpretaw.

Willie Doherty ħa ritratti ta’ pajsaġġ urban, triq baħħ f’raħal twelidu Derry mdawra bi ċpar imdawwal; ir-residenti huma assenti jew maqfulin ġo djarhom. Bl-użu ta’ elissi, huwa jaqbad sitwazzjoni kkaratterizzata minn vjolenza u tensjoni moħbija, u jpoġġilha t-tikketta Endurance – li tindika reżistenza, tenaċità, integrità.

Għaldaqstant Doherty jagħżel li joħloq rabta bejn il-kelma u l-immaġni, li hija tattika diġà pprattikata fis-seklu 20 mid-Dadaiżmu, is-Surrealiżmu u aktar tard mill-Arti Kunċettwali. Huwa juża din ir-riżorsa semantika b’referenza għall-kunflitt storiku, politiku u soċjali esperjenzat fl-Irlanda ta’ Fuq, u jaċċenna għall-messaġġi u l-graffiti mpinġijin fuq il-ħitan madwar Derry biż-żewġ naħat iħarsu lejn xulxin

Dawn huma messaġġi lakoniċi, u mal-ewwel daqqa t’għajn, enigmatiċi, bħal dawk fid-diptiku: Many have eyes but cannot see (1992). Fuq il-ġwienaħ tax-xellug u tal-lemin, il-kliem: “Blind spot” (punt li ma jidhirx) u “Vanishing point” (punt li jisparixxi) forsi jaċċennaw għażoni li ma jidhrux, inviżibbli li s-sorveljanza, kemm jekk bil-kameras jew b’patrulji, ma tistax tilħaq.

L-għajn, li għandha l-potenzjal li tara, u mingħajr ma trid, tiskrutinizza ċerti żoni tat-territorji u tal-ħajja soċjali, tikkostitwixxi element ikonografiku ta’ tħassib fix-xogħol fotografiku imdawwal minn wara tad-duo TwoFourTwo – Believe in me (2005), fejn kappel tal-għajn kbir ta’ għajn ta’ bniedem jispikka minn wara xatba tal-metall li tixbah il-vireg tal-azzar f’ħabs.

Imnebbaħ minn kuntest storiku-soċjali speċifiku, Doherty ħoloq immaġni – Endurance – li t-tifsira tagħha, jekk ninjoraw l-isfond ġeografiku u politiku tagħha, tista’ tiġi estrapolata ġenerikament għal kwalunkwe post jew sitwazzjoni oħra fejn is-soċjetà ċivili tibqa’ toffri reżistenza ta’ appoġġ u siekta quddiem theddida partikolari. Barra minn hekk, ix-xogħol ta’ Doherty jinvolvi r-rieda li tinżamm ħajja l-memorja tal-avvenimenti li wasslu għall-kunflitt. Minnhom tista’ tinsilet twissija dwar il-bżonn li titkattar il-kapaċità ċivika u kreattiva tas-soċjetajiet biex isolvu l-problemi paċifikament, jippromwovu l-kooperazzjoni u jevitaw sitwazzjonijiet estremi u vjolenti, bħal dik murija f’The Convert (1992) ta’ James Hanley.

Meta l-Istat jiġi ttrasformat f’apparat li jbeżża’, li ma jaqdix liċ-ċittadini iżda li jużahom u jinvadi l-privatezza tagħhom, hemm jieħu l-għamla monstruża ta’ Ġgant mitoloġiku. Dan jidher ħiereġ minn ġo oċean, fil-pannell ċentrali tat-Triptiku Apokalittiku ta’ Andrey Daniel Trilogy: The Elusive Meaning of Cause and Effect: To Bruegel, The Mating Season of the Leviathans, The Death of Worker X (2009).

Ir-referenza li qed jagħmel Daniel aktarx hija għal Leviathan (1651) ta’ Thomas Hobbes, permezz ta’ omaġġ lill-pittur tas-seklu sittax Pieter Brueghel the Elder. Speċifikament, aktarx qed jirreferi għal wieħed mill-kapolavuri ta’ Brueghel: Dulle Griet (ca. 1564) – Kollezzjoni tal-Mużew Mayer van den Bergh, Antwerp -, li fih il-karattru ewlieni, Dulle Griet, qed iħares lejn il-bokka tal-infern, ippersonifikata bħala wiċċ ġgantesk

Bl-istess mod kif fis-seklu 16 il-pitturi ta’ Brueghel setgħu jitqiesu bħala dokumenti viżivi ta’ kultura popolari, il-karattri fit-triptiku ta’ Daniel huma persuni ordinarji tas-seklu 21: turisti fuq il-pannell tax-xellug, ħaddiema tal-kostruzzjoni fuq il-lemin; f’daqqa waħda kollha kemm huma jgħaddu minn taqliba kożmika li tħarbtilhom ħajjithom sew.

Fil-Bulgarija, Daniel ġie rikonoxxut bħala “artist, mexxej tal-komunità, kollega, mentor, huwa stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-figuri ewlenin fl-arti li ta spinta lill-arti Bulgara lejn l-aħħar tas-seklu 20 u l-bidu tas-seklu 21”. Kif irrimarka wieħed mill-aqwa esperti tax-xogħol ta’ dan il-pittur, Daniel kien jgħid u jemmen li l-artisti għandhom jissintetizzaw it-tifsira: “U jekk ma nitgħallmux nivvintaw it-tifsira, nissentetizzaw it-tifsira għalina u għall-oħrajn, għal gruppi kbar ħafna ta’ nies, mela din l-eżistenza se tkun bħalllikieku nkunu fi stat veġetattiv”.

Perikli u diżastri oħrajn – it-terroriżmu, il-gwerra, il-vandaliżmu, eċċ. – li wkoll jheddu d-demokrazija u l-libertà, ġew mpinġija b’umoriżmu minn Flo Kaserau fis-sensiela ta’ tpinġijiet Fears of a Museum Director (2014). Dawn ix-xeni apparentement komiċi għandhom tifsira aktar profonda: jesprimu l-biża’ minn futur inċert permezz ta’ approċċ li huwa tipiku tal-cartoons ġurnalistiċi, billi juru repertorju ta’ sitwazzjonijiet estremi u katastrofiċi li fihom kwalunkwe istituzzjoni pubblika jew privata tista’ tkun involuta.

Ir-riskju ta’ ħsieb mhux kritiku u ta’ aljenazzjoni huwa rappreżentat allegorikament fix-xogħol ta’ żejt fuq l-injam ta’ Yannis Gaitis: The Parade (1983). Hawn jintwerew il-prinċipji tal-iffullar żejjed, l-indottrinazzjoni u l-omoġenizzazzjoni, bil-komunalità tal-bniedem ittrasformata f’merħla lineari u aljenata ta’ bnedmin identiċi bilwieqfa f’ringieli mrikkbin fuq xulxin.  Gaitis jagħti laqta umoristika lil din il-folla riġida ta’ individwi, u b’hekk jippermettilna nġerrħu aħjar din ir-rappreżentazjoni ta’ sistema soċjali li hija fil-parti l-kbira tagħha uniformi.

Eventwalment, End of the public road (1995) ta’ Dan Wolgers’ , toħloq sentiment ta’ inċertezza, fejn min josserva dan ix-xogħol jista’ jagħraf lilu nnifsu fis-sewwieq tal-vettura rifless fis-sinjal blu metalliku fit-tarf tat-triq. Jekk nieħdu t-triq pubblika bħala immaġni metaforika taċ-ċivilizzazzjoni u l-istat tad-dritt, nistgħu nqisu dan ir-ritratt bħala twissija ambigwa dwar x’hemm iħuf lil hinn mill-ambitu fejn isaltan il-prinċipju taċ-ċertezza legali.

1234567

Home