Skip to main content

3. Ir-relazzjoni taċ-ċittadini mal-amministrazzjoni pubblika u l-ġustizzja 

Ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet – kemm governattivi kif ukoll mhux governattivi -, li spiss tkun mgħobbija b’nuqqas ta’ fiduċja, hija t-tema fundamentali li wieħed jista’ jinnota f’xi xogħlijiet fil-kollezzjoni, bħal Girokantoor (1983) ta’ John Goudie Lynch u Power is Work, Work is Power (1990) Hannah Collins.

Il-pittura ta’ J. G. Lynch turina t-tieqa ta’ uffiċċju li joffri xi servizz, li jista’ jkun bank, ministeru jew aġenzija pubblika. Jekk inħarsu mill-qrib, ser ninnutaw ir-riflessjoni ta’ persuna fil-ħġieġa – mara qed iġġorr żewġ basktijiet jew bagalji – u l-ġest ambigwu, li diffiċli jiġi ddeċifrat, ta’ żewġ impjegati jew uffiċjali wara l-ħġieġa u s-sinjal  – “Gesloten” – li juri li l-istabbiliment laħaq għalaq. Din is-sitwazzjoni ta’ kuljum, impittra u nkwadrata minn Lynch, tieħu dimensjoni ta’ paradigma u kritika, u tenfasizza ċ-ċaħda tal-komunikazzjoni u assistenza mill-poter (l-istituzzjoni jew l-amministrazzjoni) lejn ċittadin li mar jagħmel talba.

Id-distanza, li jidher li ma tistax tingħeleb, tkompli tiġi enfasizzata fid-diptiku fotografiku ta’ Hannah Collins Power is Work, Work is Power (1990), fejn Avukat Għoli (Queen’s Counsel) li jidher fl-istampa u li huwa ddefinit mis-simbolu tal-poter politiku tiegħu, il-parrokka, jagħti daharu lil min qed iħares lejn l-istampa u jsir figura impersonali u inaċċessibbli.

B’kuntrast maż-żewġ xogħlijiet ta’ qabel, it-tpinġija żgħira ta’ Galli tagħtina l-idea ta’ dedikazzjoni leġġera u libera lill-uffiċċju tas-sigurtà soċjali jew l-uffiċċju tal-pensjoni.

1234567

Home