Skip to main content

5. Il-media tal-massa u d-demokrazija

Ir-relazzjoni bejn il-poter, il-media u l-pubbliku hija kwistjoni taħraq fix-xogħlijiet ta’ Olaf Metzel u Antoni Clavé. Ix-xogħol ta’ Metzel, b’ton aktar espliċitu u provokattiv, jiffoka fuq il-konverżjoni tal-informazzjoni mill-media fi speċi ta’ idolu ndurat bid-deheb.

Il-poter li tinforma – imma anke li tgħawweġ – il-perċezzjoni u l-opinjoni pubblika dwar ġrajjiet kurrenti hija tema rikorrenti fl-arti ta’ Olaf Metzel. Il-pannell kbir Il Messagero, mercoledì 12. October 1988 (1989), jikkonsisti f’matriċi tal-metall għall-istampar tal-gazzetta Taljana bl-istess isem tad-data fit-titolu. Il-kwistjoniijet ewlenin imnaqqxin fil-matriċi – ħtif ta’ persuni, terrur, traġedji – saru diffiċli li jingħarfu minn min illum josserva dan ix-xogħol minħabba l-wiċċ imxaqqaq mimli lavur ta’ dan ix-xogħol f’riljiev bl-aluminju.

Il-pittura ta’ Antoni Clavé tgħaddi immaġni dwar il-valur tal-aħbarijiet mill-mezzi stampati u t-tixrid tagħhom madwar l-ispazju urban. New York II (1989) jalludi għat-tixrid tal-kultura, iċ-ċiklu ta’ użu kostanti, it-tkagħbir u s-sostituzzjoni tagħha. Il-poeżiji pop u l-użu ta’ collage – stampi ta’ gazzetti u rivisti applikati direttament fuq il-wiċċ – joħolqu armonija mal-produzzjoni artistika tal-Amerikan Robert Rauschenberg tas-snin sittin:  immaġnijiet minsuġa f’arranġament li jixbah lil palinsest u mmarkati b’daqqiet tal-pinzell b’kuluri jgħajtu.

Ir-referenza għall-aħbarijiet, rappreżentata mill-gazzetti permezz ta’ test u ritratti, hija l-pedament ukoll tal-kunċett ta’ Wall (2008), li fih l-artista tal-multimedia Anna Baumgart toħloq xena ta’ sitwazzjoni stressanti u traġika mill-ħajja reali, meħuda minn punt speċifiku tal-istorja tal-Ewropa.

Fuq sieq minnhom ta’ waħda mill-figuri hemm minquxa f’ittri kbar l-iskrizzjoni Reuters Forum – aġenzija tal-aħbarijiet – li tindika l-oriġini ikonografiku tal-grupp ta’ skulturi. Fil-fatt, ir-referenza viżiva hija ritratt minn gazzetta li jimmortalizza grupp ta’ persuni minn Berlin qed jaħarbu wara li ġew maħruġa minn djarhom f’Awwissu 1961. Dakinhar li ttieħed ir-ritratt, kien qed isir kulma jmur aktar diffiċli biex wieħed jgħaddi minn naħa għall-oħra tal-ħajt li kien jaqsam il-belt fi tnejn u li kien qed isir ilqugħ mortali li għat-tliet deċennji ta’ wara sar jissimbolizza l-firda ideoloġika profonda bejn il-blokk Sovjetiku u l-Punent. Sal-1989, meta twaqqa’ l-ħajt, li kien mument storiku maqbud f’xi wħud mir-ritratti li jiffurmaw is-sensiela Berlin (1990) ta’ Frank Thiel.

Baumgart tagħti referenza għall-oriġini fotoġurnalistiku tal-iskulturi tagħha billi taqsam lil kull persuna f’żewġ nofsijiet distinti: tonalitajiet ta’ griż fuq quddiem u rqajja’ solidi bojod fuq wara. Din id-distinzjoni tirrifletti l-oriġini b’żewġ dimensjonijiet tal-grupp u t-traspożizzjoni tiegħu minn ritratt għal spazju bi tliet dimensjonijiet.

Għalkemm l-iskultura hija ferm iktar astratta mir-ritratt oriġinali u ma turix l-uċuħ tal-individwi fid-dettall, Baumgart tagħti laqta’ realista ħafna lil dan ix-xogħol artisitiku billi toħloq mill-ġdid l-oġġetti li qed iġorru, inkluż it-texture tal-kaxxi u l-basktijiet. Is-sentiment ta’ urġenza u biża’, li joħroġ mill-pożizzjonijiet u l-mossi taċ-ċittadini ta’ Berlin fir-ritratt, trattab daqsxejn fil-figuri tar-reżina, li huwa materjal użat spiss minn artisti kontemporanji impattanti li jipproduċu skulturi figurattivi, bħal Juan Muñoz jew Keith Edmier.

1234567

Home