Skip to main content

7. Id-Demokratizzazzjoni tal-Arti 

L-elevazzjoni tal-arti fil-ħajja ta’ kuljum, f’temi ewlenin u fi tħassib soċjali ta’ bħalissa, bħar-relazzjoni bejn il-kultura u s-suq, il-movimenti migratorji jew il-familja, hija karatteristika li toħroġ b’enfasi partikolari fix-xogħlijiet magħżulin li ġejjin.

Bħalissa, l-attivazzjoni politiko-soċjali tal-arti ssib waħda mill-espressjonijiet globali l-aktar effettivi, kontroversjali u rikonoxxibbli fil-graffiti. Knock, Knock Knocking On Heaven’s Door (2007), ta’ Jaan Elken, hija l-prodott ta’ eżerċizzju vigoruż li jgħaqqad flimkien ir-riżorsi tekniċi tat-tachisme u l-graffiti. Wara perjodu iperrealist, Elken ħalla lilu nnifsu jinġibed minn dan il-fenomenu alternattiv tal-kultura tat-triq li huwa kien jara spiss meta kien jgħix fl-inħawi ghetto ta’ Lasnamäe, meta kellu jgħaddi minn diversi sulari mimlija b’simboli urbani qabel ma jasal fl-istudio tiegħu.

Medicine cabinet (1992) ta’ Joep van Lieshout hija kaxxa tal-metall b’kulur griż newtrali u dehra ordinarja – riproduzzjoni li tifforma unità industrijali – ; eżempju ta’ oġġett artistiku diskret u kunċettwali, fejn l-awtorija u l-personalità tal-awtur jidher ċar li huma neqsin. Madankollu, jiġi żvelat lilna bħala oġġett kontradittorju, peress li meta niftħu l-bieba tal-kaxxa, niskopru l-firma tal-artist, imħarbxa kbira mal-qiegħ.

L-artist waqqaf Atelier Van Lieshout fl-1995, studio li jsegwi metodoloġija lejn l-imminar tal-mit tal-ġenju artistiku. Bil-għan li jipproduċi arti siewja u immaġinattiva, mogħnija b’ċertu sens ta’ umoriżmu u għas-servizz tas-soċjetà, Van Lieshout stabbilixxa prattika multidixxiplinari li tipproduċi xogħlijiet fil-fruntiera bejn l-arti, id-disinn u l-arkitettura, li jistħarrġu l-linja fina li tifred l-arti tal-manifattura mill-produzzjoni bil-massa ta’ oġġetti funzjonali.

Il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel, ittrasformati mill-industrija relatata u mill-kummerċjalizzazzjoni fi prodotti standardizzati u ikoni tar-reklamar, huma element ċentrali f’Homage to Andy Warhol ta’ Marko Blažo , li tagħmel referenza espliċita għas-sensiela tal-1962 tal-artist Amerikan ta’ 32 landa tas-soppa Campbell, li llum huwa meqjus xogħol markanti tal-arti pop. F’Warhol 1 (2007), Blažo geżwer il-landa tas-soppa f’portico Greko-Ruman, bħal qoxra fuq barra li tiġbor kollox fiha u li tfakkarna fl-antikità Rumana u fl-arti klassika, li tissuġġerixxi xorta ta’ akkoppjament bejn il-kultura klassika u l-kultura tal-massa.

Il-movimenti migratorji u l-impatt qawwi tagħhom fuq il-familji u s-soċjetajiet huma wieħed mit-temi ewlenin fil-karriera tal-artista Maltija Ruth Bianco, bi proġetti bħal Connecting geographies jew Tidal dialogues and transit zones, li jiżviluppaw prattika artistika mmexxija mir-riċerka li tagħmel mistoqsijiet dwar it-territorju u l-movimenti transfruntieri.

Il-poliptiku Lines of migration (2020-2021) huwa bla dubju marbutmal-art contestataire jew street art, minħabba l-użu espressiv tal-collage kif ukoll l-effettività komunikattiva tas-simboli u l-messaġġi bil-miktub lakoniċi li tippreżenta. Kif indikat l-artista nnifisha, il-kwalità artiġjanali u tattili ta’ dan ix-xogħol għandha rwol vitali fil-kunċett tagħha, b’mod partikolari minħabba li dan ix-xogħol ġie prodott matul il-pandemija tal-Covid-19, meta d-dinja kellha taqa’ fuq forom ta’ kuntatt mill-bogħod u biż-żamma ta’ distanza soċjali.

F’Family (2019) ta’ Edith Karlson ir-rabtiet familjari jiġu ppreżentati minn angolu mhux tas-soltu. Karlson spiss taħdem b’karattri monstrużi jew ta’ annimali, kemm jekk ikunu ġejjin minn fawna estinta jew inkella minn ikonografija medjevali ta’ bestji li wara ġew riprodotti fid-dinja tal-letteratura u ċ-ċinema tal-fantasija.L-iskulturi ta’ Karlson kultant ġew deskritti bħala ħrejjef, speċjalment meta l-annimali jew il-ħlejjaq tagħha jingħataw karatteristiċi u mġiba umana sabiex jikkummentaw fuq is-soċjetà kontemporanja minn angolu kritiku.

1234567

Home