Skip to main content

6. Id-demokrazija u t-trasformazzjonijiet urbani

Grupp ta’ xogħlijiet koerenti minn artisti Bulgari jindirizza, b’mod kritiku u eżemplari, diversi aspetti tal-influwenza li kellha l-inkorporazzjoni tal-Bulgarija fl-Unjoni Ewropea fuq il-ħajja tan-nies.

Motif I (State Machine), ta’ Nadezhda Oleg Lyahova, hija parti mill-proġett Globally and on a Long-term Basis the Situation is Positive (2007-2009), li jinkludi sensiela ta’ vidjows qosra fit-toroq ta’ Sofia, kif ukoll sensiela ta’ stampi diġitali fuq il-kanvas (“motifs”) li juru immaġnijiet statiċi mill-vidjows imsemmijin.

Din l-immaġni diġitali stampata tirreferi għall-eċċessi tal-iżvilupp urban u tal-interventi tal-gvern fl-ippjanar ta’ bliet kbar. Ir-ringieli ta’ gafef, waħda waħda maġenb xulxin u f’linji orizzontali bħal armata ta’ aljeni f’xi logħba vidjow primittiva, jissimbolizzaw il-ġenn għall-kostruzzjoni fuq skala kbira li ħakem lill-Bulgarija wara l-integrazzjoni tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Kif ikkummentat Lyahova nnifisha:

B’riżultat tal-adeżjoni tagħha fl-UE fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Bulgarija ingħatat status ta’ membru sħiħ. Minn hemm bdew l-opportunitajiet li tipparteċipa fil-proġetti “speċjali”, “reġjonali”, “innovattivi”, “transfruntieri” u “multikulturali” kollha mmirati lejn l-implimentazzjoni tan-“normi tal-UE” u anke li jippermettulna nieħdu vantaġġ minn “firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet” offruti mill-UE. (…) Mbagħad ġew l-investituri intraprenditorjali, li ġabu tagħmir u nies ta’ kull xorta. Beda xogħol ta’ kostruzzjoni intensiv. Il-ħoss tat-tagħmir tal-kostruzzjoni kien jidwi fl-inħawi. Il-konkos u l-ħadid ħa post il-ħaxix aħdar. Qalb ir-ragħad, it-tajn u sħab ta’ trab, nies u magni entużjasti jagħtu sehemhom biex jibnu l-futur Ewropew tagħna”.

Il-kontrapunt idealistiku għall-viżjoni kritika u xettika ta’ Lyahova isib rappreżentazzjoni idillika fil-poster iddisinjat mill-illustratur u pittur Pollakk Rafał Olbiński, li juri personifikazzjoni femminili tal-Ewropa, f’armonija mal-mudelli pittorjali tar-Rinaxximent Taljan, rieqda fil-paċi quddiem xenarju bukoliku, waqt li mill-ħolm tagħha jfaqqsu binjiet emblematiċi tal-Polonja.

Il-pittura ta’ Vasilena Gankovska tipprovdi viżjoni leġġera ta’ tgawdija pura fi spazji urbani, fejn iż-żgħażagħ jinġemgħu każwalment fuq il-mergħat ta’ ħaxix tal-Park Burggarten ta’ Vjenna – An Afternoon at Burggarten #2 (2007).

Jekk ix-xogħol ta’ Oleg Lyahova kien dwar belt ġdida li kienet għadha qed tinbena, il-fotografija diġitali tad-duo Missirkov & BogdanovWeekend 2126. The Valchevs (2008), min-naħa l-oħra, tħares lura lejn l-arkitettura istituzzjonali tar-reġim komunist; jiġifieri l-Memorial House tal-Partit Komunist tal-Bulgarija, Buzludzha (1981), li attwalment jitqies bħala relikwa monumentali straordinarja, li għadha żżomm dehra futuristika, qisha tal-fantaxjenza.

Il-binja, fil-forma ta’ UFO (speċi ta’ plattina ttir Brutalista, retro-futurista), tispikka fl-isfond ta’ pajsaġġ immaġinarju, li fih jidhru għaddejjin membri ta’ familja lebsin kostumi folkloristiċi.

Kif semmew il-kritiċi:

F’Weekend 2126 – The Valchevs (2008), il-familja Valchev tintwera matul ħarġa f’jum xemxi, nhar ta’ Ħadd, tippassiġġa bil-mod madwar ix-xaqlibiet tal-Għolja Buzludzha. Xi membri tal-familja qegħdin saħansitra jikkomponu partitura mużikali bil-mod, ftit wara li l-ispaceship tagħhom niżlet fuq din il-muntanja f’xenarju fejn mill-bqija, ma hemm xejn. Din ix-xena, għalkemm b’elementi tal-imgħoddi iżda b’laqta ġdida u tal-preżent kemxejn stramb, tappartjeni lill-futur, mill-anqas dak huwa ċar. Dan kollu minkejja l-istramberija tal-ilbies etniku-medjevali tagħhom, il-qomos fi stil dashiqui u l-istrumenti mużikali magħmulin bl-idejn li jfakkruna f’xi folklor antikissmu minsi iżda xorta waħda tal-kultura pop. It-tableau ta’ Missirkov/Bogdanov joffri verżjoni possibbli ta’ kif tista’ tiġi meqjusa u apprezzata Buzludzha diversi ġenerazzjonijiet aktar tard.”

1234567

Home